Friday, 22 November 2024






Kollox jindika li s-sena 2024 se tkun l-aktar sena sħuna…

…bidla fil-klima li qed taffettwa l-produzzjoni tal-frott

Minn Victor Vella

Ritratti Roger Azzopardi


Fejn hi dik il-ħdura tal-Fiddien? Fejn huma dawk il-kuluri spettakolari li kapaċi tagħti l-kampanja Maltija?  Il-kuntrasti bejn il-ħdura u r-raġġi tax-xemx fuq l-għelieqi imtarġa, is-sisien bis-siġar fit-truf, li tant konna nfittxu bħal dań iż-żmien, sparixxew. Sa ftit tal-jiem ilu, iż-żona tal-Fiddien u magħha ħafna nħawi oħra fil-gżejjer Maltin kienu għerja minn dik il-libsa ħadra.  Mixja fl-għelieqi tara id-demnuq niexef qoxqox għax ilma minnu kien ilu ma jgħaddi xhur sħaħ. Tara l-għelieqi kulur kannella. Ħamrija. Għax xita kienet ilha ma tagħmel. Fejn hu dak iż-żmien bħal dan iż-żmien kont timxi filgħodu kmieni qalb in-nida bl-għelieqi kollha ħaxix u meta tħares fit-tul hekk kif tibda tiela x-xemx tara ż-żona tinbidel għal lewn il-fidda - l-effett tal-qtar tan-nida fuq il-pjanti. U tħares lejn is-siġar tarahom agunija. Jistennew l-ilma bil-ħniena. Weraq mgħawwġin sinjal tal-għatx li għandhom. Dan hu dak li għadda minn moħħi ftit tal-jiem ilu f’mixja filgħodu kmieni.  Jibdew għaddejjin ħafna ħsibijiet. Il-bidla fil-klima. Il-perjodi twal li qiegħed ikollna bla xita. It-temperaturi li jibqgħu għoljin.  In-nuqqas ta’ xita. U quddiem dan kollu, kif qed tkun affettwata l-biedja lokali?

Mistoqsija li l-bdiewa jagħtuk spjegazzjoni għaliha mill-ewwel. Nies tal-mistier li dak li qed jiġri fit-temp u l-effett tiegħu fui il-kampanja u fuq l-għelieqi iħossuh u jesperjenzawh.  Il-bdiewa meta titkellem magħhom jgħidulek mill-ewwel li qegħdin jaraw bidla. Ikun hemm min jistaqsi x’inhu jiġri. Jirrimarkawlek li xita qiegħed ikollna ftit. Isemmulek kif siġar tal-frott qegħdin ibatu ħafna minħabba din in-nixfa. Jgħidulek li siġar li minhom kont tieħu frott bl-abbundanza issa qegħdin inaqqsu. Jilmentaw li mhux biss qegħdin inaqqsu mill-frott imma dak il-ftit li jagħmlu jispiċċaw ma jduqux minħabba mard u insetti.

Ġanmari, bidwi tal-mistier qalilna li “qegħdin naraw is-siġar inaqqsu mill-frott. Din kulħadd qiegħed iħossha. Ħafna jaħsbu li dan iseħħ minħabba nuqqas ta’ xita. Mhux il-każ. Dan qiegħed jiġri għax xitwa mhux ikollna. Fis-sens li t-temperaturi qegħdin jibqgħu għoljin u allura is-siġar mă jorqdux.  Dan jaffettwa l-produzzjoni tal-frott.”

Jgħidilna “kien hawn bdiewa li għandhom ħbula bil-ħawħ. Xejn ma żamm. Bilkemm daquh il-ħawħ. Seħħ dan għax it-termparaturi baqgħu għoljin bejn Diċembru u Frar.”

“Jekk tħares madwarek hawn tara nixfa. Qegħdin Novembru. Issa xita għamlet, imma ara kemm ilna nistennewha. Niftakar żmien ta’ maltempati kbar f’Settembru u l-bidu ta’ Ottubru. Rari niftakar tiġi bħal dan iż-żmien u tara l-għelieqi f’dan l-istat qishom kif ikunu fl-aqwa tas-sajf. Hemm min jgħid li Malta bil-mod il-mod qed issir deżert. Ma naqbilx għal kollox. Wieħed imma irid jammetti li x-xejriet tat-temp qegħdin jinbidlu”. 


Is-sena 2024…..se tkun rekord 

f’dawk li huma temperaturi għoljin

Intant xjenzati mill-Copernicus Climate Change Service, proprju fl-aħħar jiem ħabbru li s-sena 2024 aktarx li se tkun bir-rekord ta’ l-aktar sena sħuna. Ix-xjenzati qalu li mill-proġettazzjonijiet li qegħdin jagħmlu kollox qiegħed jindika li t-temperatura annwali għas-sena 2024 se tkun 1.5 grad celsius aktar minn kemm kien qabel ir-rivoluzzjoni industrijali. 

Dan it-tbassir inħareġ proprju ftit jiem qabel għadd  kbir ta’ diplomatiċi jiltaqgħu għas-summit tal-COP29. 

Id-Deputat Direttur tal-Copernicus Climate Change Service, Dr Samantha Burgess, qalet li “qegħdin nistennew rekords ġodda f’dawk li huma temperaturi globali. Dan għandu jservi biex jogħlew l-ambizjonijiet fil-konferenza dwar il-bidla fil-klima”. 

Ix-xjenzati sabu li t-temperturi globali għat-12-il xahar li għaddew  kellhom temperaturi ta’ 1.62 grad  aktar mill-medja bejn l-1850 u l-1900 meta l-bniedem beda jaħraq volumi qawwija ta’ faħam, żejt u gass.

Fil-bullettin tagħhom dwar il-klima, liema bulletti joħorġuh kull xahar, ix-xjentisti ta’ Copernicus qalu li Ottubru tas-sena 2024 kien it-tieni l-aktar Ottubru sħun, wara Ottubru tas-sena 2023, b’temperaturi 1.65C akbar mil-livelli pre industrijali. 

Wieħed ma jistax ma jirrimarkax fuq id-dikjarazzjonijiet li sar minn mexxejja dinjin fl-aħħar snin, fejn dawn kienu wegħdu li jwaqqfu l-pjaneta milli tkompli tisħon u dan billi jaraw li jwaqqfu l-pjaneta milli jkollha temperaturi li jogħlew b’1.5 grad aktar mil-livelli pre industriali. Ix-xjentisti issa qegħdin jgħidu li mhux talli din il-mira mhux se tintlaħaq, talli hu previst li sal-aħħar tas-seklu id-dinja tkun saħnet bejn wieħed u ieħor id-doppju.

Ix-xjentisti jgħidu li sena waħda 'l fuq mil-limitu ma tfissirx li ntilfet il-mira, peress li ż-żieda fit-temperatura titkejjel fuq għexieren ta' snin aktar milli ftit snin, iżda wissew li l-bidla fil-klima se jġiegħel aktar nies u ekosistemi jersqu fix-xifer tas-sopravivenza.

Intant fl-aħħar jiem tlaqqa’ il-COP29, l-akbar summit ambjentali fid-dinja. Dan jittella’ ta’ kull sena jittella’ min-Nazzjonijiet Magħquda bil-għan illi jiġu diskussi miżuri sabiex jiġi mmitigat l-impatt tat-tibdil fil-klima. 

Dan is-summit, li sar f’Baku l-Azerbajġan. Il-messaġġ ta’ Malta f’dan is-summit kien li l-prijoritajiet ta’ Malta huma simili għal dawk li għandhom gżejjer stati oħra, jiġifieri l-isfida tal-ilma tal-baħar li jista’ jogħla jekk it-temperaturi jkomplu jiżdiedu.

Il-COP29 għandu żewġ għanijiet speċifiċi, l-ewwel waħda li jkun hemm il-finanzjament meħtieġ biex tittieħed azzjoni madwar id-dinja kollha, meta nitkellmu dwar finanzjament meħtieġ nitkellmu dwar dawk il-pajjiżi l-aktar sinjuri lejn dawk il-pajjiżi li huma l-aktar vulnerabbli biex ikunu qed jagħmlu miżuri ta’ mitigazzjoni u addattament, it-tieni mira  hi li jkun hemm azzjoni tanġibbli biex it-temperaturi globali ma jiżdiedux aktar minn 1.5 gradi Celsius.




 


 Avventura f’vaganza f’Malta ħallietu paralizzat…..

…żloga għonqu, kiser ir-raba’ rukkell, inqatgħu n-nervituri li jgħaddu mill-moħħ”


…..jingħata kumpens ta’ €720,191. Tnaqqaslu b’€200,000 mid-deċiżjoni tal-Ewwel Qorti

Minn Victor Vella


Avventura fuq il-baħar imsejħa ‘Crazy Sofa’ li tikkonsisti b’saqqu li jinġarr wara dgħajsa li tinsab b’ċertu veloċità, liema attività hawn turisti li jiġġennu għaliha għax hi okkażjoni fejn wieħed jieħu pjaċir mal-ħbieb jew mal-familja, u li ħafna drabi ftit li xejn jgħaddilhom minn rashom dwar ir-riskji marbutin ma’ dawn ir-rikbiet, wasslet biex turist li ħa din l-avventura spiċċa paralizzat u spiċċa m’għandu l-ebda kapaċità li jiżvolġi xi attività ekonomika. Jidher li waqt li s-saqqu kien qed jinġibed f’baħar kalm, ġiet mewġa kawżata minn terzi, bil-konsegwnenza lit-turist inqata’ madwar pied minn fuq is-saqqu u waqa’ fil-baħar. Irriżulta li mal-waqa’ it-turist żloga għonqu, kiser ir-raba’ rukkell li nqala’ mill- ħames wieħed u mad-daqqa nqatgħu n-nervituri li jgħaddu mill-moħħ għall-bqija tal-ġisem bejn dawn ir-rukkelli. Għalkemm oriġinarjament, ingħata kumpens ta’ €924,751, il-Qorti tal-Appell, bidlet dan u tatu kumpens ta’ €720,000, jiġifieri €200,000 inqas. 

Kien fit-23 ta’ Lulju tas-sena 2009, Christine Hannah Burns, f’isem żewġha John Burns fissret kif fil-25 ta’ Lulju tas-sena  2007, waqt li żewġha kien riekeb fuq saqqu tal-baħar (magħruf bħala Crazy Sofa) li kien qiegħed jinġibed minn speedboat, f’San Ġiljan, ittajjar minn fuq il-Crazy Sofa u ġarrab danni ta’ natura permanenti.  

Il-mara qalet li b’riżultat ta’ dan l-inċident John Burns spiċċa “tetraplegic” jiġifieri paralizzat u m’għandu l-ebda kapaċità li jiżvolġi xi attività ekonomika. 

Dak  li ġara joħroġ ċar mix-xhieda illi Albert Camenzuli, fejn hu ddikjara li  “niftakar li kienet ġiet mewġa kbira ta’ dgħajsa għalkemm ma kinitx esaġerata. Id-dgħajsa li konna fiha aħna telgħat u niżlet mal-mewġa. Niftakar peress li jien kont qed inħares lejn il-klijent bħala osservatur, għola madwar tletin ċentimetru, waqa’ bilqiegħda fuq id-dgħajsa b'għonqu lura, waqa’ fuq il-crazy sofa fejn kien bilqiegħda, irrombla minn fuqha u ġie ġo l-ilma.”

Jirriżulta ċar, għalhekk, illi l-‘Crazy Squab’ illi fiha kienu John u Martin Burns beżqithom ’il fuq aktar minn pied mhux riżultat ta’ xi każ fortwitu li fuqu ix-xufieri, li kien qed isuq id-dgħajsa, ma kellu ebda kontroll, iżda riżultat tal-fatt illi huwa attwalment baqa’ jsuq id-dgħajsa ġewwa tali mewġa kbira kkawżata minn terzi, u bir-riżultat kaxkar s-sufan li fuqu kien hemm John u Martin Burns warajh u dawna li spiċċaw inqabdu fil- mewġa kbira li kien hemm u ttajru ’l fuq riżultat tal-moviment qawwi illi għamlet l-Crazy Squad mal-impatt mal-mewġa l-kbira. 


Is-sewwieq kien għadu student ta’ sittax-il sena…

..dam xahrejn jitgħallem …”ma jistax jingħad li x-xufier kellu l-esperjenza!”

Intqal li mill-provi rriżulta li s-sewwieq kien għadu student ta’ dsatax-il sena, meta seħħ l-inċident li kien imur jaħdem mal-kumpanija fis-sajf. Hu kien beda jsuq id-dgħajjes ta’ bejn 55 u 90 horsepower fl-2006, meta għamel xahrejn jitgħallem sakemm beda jsuq waħdu. Jidher li kien isuq l-istess dgħajjes hekk kif reġa’ beda jaħdem fis- sajf tas-sena 2007. Intqal f’xhieda li x-xufier ma kienx isuq id-dgħajjes fis-sena 2006, iżda beda jsuqhom fis-sena 2007! Dan ifisser li hu kellu esperjenza ta’ bejn xahrejn u ħames xhur l-aktar isuq id-dgħajjes, li fil-fehma ta’ din il-Qorti, f’kull każ ma jistax jingħad li x-xufier kellu l-esperjenza! 

Dwar il-veloċità fl-użu tad-dgħajsa, f’dikjarazzjoni li saret intqal  li ma kinitx qiegħda tintuża veloċità ta’ aktar minn ħmistax-il mil fis-siegħa u minkejja li l-klijent għamel sinjal sabiex tiżdied il-veloċità, din inżammet l-istess. F’xhieda intqal li  dakinhar tal-inċident ir-riħ kien madwar forza 4 u li l-baħar ma kienx imqalleb u peress li kienu għadhom madwar mitt metru mill-ponta tad-Dragonara, huwa ċert li kien għaddej b’inqas minn 20 knot (ekwivalenti għal 23 mil fis-siegħa) u li meta kienu joħorġu ’l barra (madwar tliet mitt metru) mill-bajja, sabiex jibdew ir-rikba, ma kinux jaqbżu l-25 knot. 


“Il-crazy sofa spiċċa f’impatt dirett mal-mewġa 

li għollietu bil-ħasda minn quddiem”

Intqal li minn dan kollu, din il-Qorti tasal għall-konklużjoni, fis-sens li dan ma kien każ fortwitu xejn. In-nuqqas ta’ riħ qawwi u l-fatt li l-baħar ma kienx imqalleb iżda mċafċaf, juru li x’aktarx kien proprju n-nuqqas ta’ esperjenza tax-xufier ta’ kif isuq id-dgħajsa meta jkun hemm il-preżenza ta’ mewġ ikkaġunat minn dgħajjes oħra, sabiex ikollu l-inqas impatt possibbli fuq id-dgħajsa u aktar minn hekk, il-ħsieb dwar l-effett li dan l-istess mewġ jista’ jkollu fuq il-crazy sofa li kien qiegħed jinġibed warajh, li wassal għall-inċident. Tassew in-nuqqas ta’ riħ qawwi, ix-xhieda li raw l-apparat jogħla ’l fuq u l-angolu tiegħu ma’ wiċċ il-baħar, jagħti lil wieħed x’jifhem li dan il-crazy sofa spiċċa f’impatt dirett mal-mewġa li għollietu bil-ħasda minn quddiem, bil-konsegwenzi kollha li dan ġab miegħu. 

Il-Qorti qalet li minkejja l-fatt li fiż-żmien li seħħ l-inċident, ma kienx meħtieġ li persuna li ssuq dgħajsa tat-tip bħal dik li kienet involuta fl-inċident li jkollha liċenzja, dan il-fatt fih innifsu ma jistax jitqies li b’xi mod jeħles lill-konvenut minn kull responsabbiltà peress li jibqa’ japplika l-obbligu tas-sewwieq tad-dgħajsa li jeżerċita l-prudenza u d-diliġenza meħtieġa minn missier tajjeb tal-familja meta kien qiegħed jimmanuvra d-dgħajsa. 

Il-Qorti tal-Appell qalet li tqis ta’ importanza ix-xhieda tal-konsulent mediku, l-Professur Fredrick Zammit Maempel Lli meta mistoqsi jekk il-veloċità li biha kienet miexja d-dgħajsa fil-baħar għandhiex impatt qal li “iva tagħmel differenza.... L-inċident in diżamina hu wieħed rari, l-angolu li bih waqa’ s-sinistrat kien determinant għar-riżultat riskontrat u iktar ma kien miexi b’veloċità wieħed inqas ikollu kontroll tas-sitwazzjoni.» B’din il-waqa’ it-turist żloga għonqu, kiser ir-raba’ rukkell li nqala’ mill- ħames wieħed u mad-daqqa nqatgħu n-nervituri li jgħaddu mill-moħħ għall-bqija tal-ġisem bejn dawn ir-rukkelli. Hu spiċċa tetrapleġiku (ksur fis-sinsla tad-dahar u ħsara fin-nervituri li wassal għall-paralizi, peress li ma jistax iċaqlaq saqajh u idejh. Kunsidrat il-grad tad-diżabilità mġarrba mill-attur, stmata mill-esperti mediċi fil-perċentwal l-aktar għoli ta’ 100 fil-mija, ikompli jixħet dubju fuq il-veloċità.

Intqal li l-fatt li t-turist u ibnu ngħataw il-ġgieget ta’ salvataġġ kien dmir  u dan il-fatt fih innifsu, ma jeħlishomx mir-responsabbiltajiet l-oħra li jimxu bl-għaqal ta’ missier tajjeb tal-familja. L-ebda tagħmir jew ilbies protettiv li jingħata ma jeżonera jew jagħti xi carte blanche lil dak li jkun sabiex ikun traskurat, imprudenti u jew ma jħarisx il-liġi. 

Tqanqal il-punt li x-xufier kien biss impjegat tal-kumpanija u li għalhekk skontu fl-aħħar mill-aħħar kellha ġġorr ir-responsabbiltà għall- inċident il-kumpanija. Jinsisti li huwa kien qiegħed jaqdi d-doveri tiegħu bħala impjegat waqt il-ħin tax-xogħol u ma kien hemm xejn li fl-imġiba tiegħu li tista’ tixħet ħtija għall-inċident. 

Intqal li fil-fehma ta’ din il-Qorti, kien hemm numru ta’ nuqqasijiet tal-kumpanija marbuta ma’ dak li ġara dakinhar tal-inċident taħt eżami. Hekk insibu li, ma kien hemm l-ebda persuna responsabbli għall-kumpanija  sabiex tissorvelja dawk l-attivitajiet sportivi li kienet tħalli f’idejn l-impjegati tagħha. Kien ikun aħjar għall-kumpanija  li mhux biss tagħmel ċert li l-impjegati tagħha jingħataw it-taħriġ kollu meħtieġ dwar l-użu tal-bċejjeċ tal-baħar li għandha inkluż il-miżuri ta’ sigurtà meħtieġa sabiex jiġu evitati l-inċidenti, fosthom il-veloċità massima li setgħet tintuża f’dawn it-tip ta’ rikbiet. Dan minbarra li jkollha nies apposta li jagħmlu s-sorveljanza meħtieġa, sabiex jassiguraw li qiegħda tiġi mħarsa wkoll il-veloċità ndikata. B’hekk jista’ jkun assigurat li jkunu qegħdin jiġu mwettqa l-miżuri tas-sigurtà, miżuri li minħabba familjarità max-xogħol, il-ħaddiema jistgħu jittraskuraw ċertu riskji li jkun hemm marbuta mal-attivitajiet imwettqa minnhom. Ikun utli wkoll, li l-klijenti jingħataw l-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex jieħdu deċiżjoni li tkun infurmata dwar ir-riskji marbuta mal-użu tal-apparat tagħha. 

Intqal li “din il-Qorti ma taqbilx lanqas mal-argument li ladarba x-xufier kien impjegat, kellha tassorbi kull responsabbiltà l- kumpanija. Kif ingħad qabel, din il-Qorti sabet numru ta’ nuqqasijiet fl-imġiba  li għalihom jeħtieġ li jwieġeb hu. Wara kollox, hekk kif sid jew min iħaddem ma jistax jeħles mir-responsabbiltà billi jsostni li huwa qabbad persuna biex tieħu ħsieb ix-xogħol, ladarba d-danneġġat isofri l-ħsara, isegwi li dik il-persuna ma kenitx kompetenti f’xogħolha u l-konsegwenza ta’ din l-inkompetenza għandhom ibatu kemm is-sid jew il-kumpanija li tħaddem lil dak l-impjegat, kif ukoll l-impjegat innifsu b’mod solidali u wieħed ma jistax jitfa’ l-ħtija fuq l-ieħor. 

Il-Qorti qalet li ingħata x’jifhem li l-isem tar-rikba “Crazy sofa” hija indikattiva tar-riskji marbuta magħha. Iżda din il-Qorti ma taqbilx. Għandhom raġun il-miżżewġin Burns meta jixhdu li l-isem huwa wieħed intiż sabiex jattira lill-klijenti sabiex jidħlu għal din l-avventura fuq il-baħar u b’daqshekk mhix indikattiva tar-riskji marbuta magħha. F’għajnejn it-turist b’dehen normali wieħed jara l-okkażjoni li jieħu pjaċir mal-ħbieb jew mal-familja waqt li jkun qiegħed jagħmel attività fuq il-baħar u qajla jgħaddilu minn rasu r-riskju li hemm marbut ma’ dawn ir-rikbiet, kif imwissi fil-manwal. 

Il-Qorti ikkundanna lix-xufier tad-dgħajsa iħallas ammont ta’ €720,191, bħala danni bl-imgħax jibda għaddej mid-data tas-sentenza tal-Ewwel Qorti sad-data tal-ħlas effettiv. 



Ġie biex jibni ħajja ġdida….sab impjieg biex jgħajjex lil familtu fl-Indja…

….spiċċa fid-detenzjoni minkejja visa valida għax ħadem bla permess

Minn Victor Vella


Rakesh (isem fittizju biex nipproteġu l-identità tiegħu) hu wieħed mill-ħaddiema barranin, eżattament mill-Indja li ġew f’pajjiżna biex jibnu ħajja ġdida. Bħal ħaddiema l-oħra sħabu, hu kellu l-għan li jaħdem f’pajjiżna biex jgħajjex lil familtu fl-Indja.  Ma riedx inkwiet. Ried li jagħmel kollox skont il-liġi. Għamel l-applikazzjonijiet neċessarji u kienet ħarġet dik li tissejjaħ l-ittri ta’ approvazzjoni mill-Aġenzija Identità Malta. Għadda mill-iskrutinju kollu possibbli. L-applikazzjoni tiegħu intbagħtet lill-Pulizija u lill-Jobs Plus. Dawn approvaw li jiġi f’pajjiżna għax kien jissodisfa il-kriterji fosthom kondotta tajba u li xogħlu kien bżonnjuż f’pajjiżna. Inħarġitlu il-Visa.  Fi kliemu stess, ġie Malta biex tama ta’ ħajja aġjar u biex jibni ħajja ġdida. Sab impjieg li kien jogħġbu u li permezz tiegħu seta’ jgħajjex lill-familja tiegħu.  Ġara iżda li spiċċa fid-detenzjoni. 

Dan seħħ għax minkejja li kellu l-approvazzjoni u l-visa, l-ittra ta’ approvazzjoni minn Identità Malta mhux ‘permess għax-xogħol’ u għalhekk ma’ tagħtix id-dritt awtomatiku għax-xogħol. Dan il-ħaddiem, inqabad jaħdem fil-qasam tat-trasport u meta twaqqaf fi spezzjoni instab li la kela dak li jissejjaħ ‘is-single permit’ u lanqas permess biex jaħdem fil-qasam tat-trasport. 

Sorsi li tkellmu ma’ IT-TORĊA qalulna li nifhmu li f’dan il-każ għandna ħaddiem li għalkemm ġie b’mod legali f’pajjiżna wara ma kompliex il-proċess. Sostnew li mhux sigriet li jista’ jkun li hawn ħaddiema oħra li jinsabu fl-istess pożizzjoni.  Fi kliemhom stess, dawn huma ħaddiema li jkollhom ċertu għaġġla bien jibdew jaħdmu. “Mhux dejjem kapaċi jifhmu ċertu ittri li jingħataw. Naħseb li min iħaddimhom għandu jkollu responsabbilità li jara li għandhom il-permessi kollha neċessarji inkluż dawk tax-xogħol. Il-ħaddiem naqas, imma naħseb li min iħaddem għandu jara li ħaddiema bħal dawn li jispiċċaw ma jaqrawx sew id-dokumenti u jaqbdu u jibdew jaħdmu jiġu infurmati biex jagħmlu dak rikjest u jakkwistaw ‘is-single permit’ u permessi oħra relatati. Hemm l-aspett uman. Dan kien ħaddiem li qed jaqla lira għal familtu u spiċċa fid-detenzjoni u ovvjament imbagħad imkeċċi minn Malta”.

 

Fil-każ ta’ dan l-ħaddiem wara li l-Aġenzija Identity Malta għamlet id-diliġenza dovuta tagħha inħarġet l-ittra ta’ approvazzjoni u  biha l-ħaddiema seta’ jiġi lejn Malta. Meta ġie Malta, il-ħaddiem ġabar id-dokumentazzjoni kollha meħtieġa sabiex jipproċedi għat-tieni parti tal-applikazzjoni tiegħu, liema applikazzjoni ppreżentaha u dan biex finalment jinħariġlu l- permess li huwa applika għalih. Ġara iżda meta l-visa kienet għadha valida, iżda peress li hu inqabad jaħdem bla permess, inħarġet deċiJoni ta’ ritorn lura lejn pajjiżu b’deċiżjoni li ma jistax jidħol lura Malta qabel tlett snin.”

Il-każ uman ta’ dan il-ħaddiem spiċċa miġġieled fil-Qrati bl-akkużi jkunu li ħadem bla permess, ma kellux permessi relatati ma’ trasport u li ma kellux biex jgħajjex lilu nnifsu u li ma kellux indirizz fiss fejn jgħix. 

Il-ħaddiem kien anke fetaħ proċeduri legali biex tiġi revocata id-deċiżjoni ta’ ritorn u l-ordni ta’ tkeċċija.  Hu talab dan biex hu jkun jista’ jagħmel applikazzjoni ġdida għall-permess ta’ residenza ġewwa Malta. 

Sorsi legali li tkellmu ma’ IT-TORĊA qalulna li “dan kien każ fejn l-element uman kien missu ingħata aktar piż. Kellna ħaddiem li kien beda jaħdem ma’ kumpanijia stabbilità. Ma kienx hemm problema b’xogħlu.  Naħseb li d-deċiżjonijiet li ttieħdu fir-rigward ta’ dan l-ħaddiem mhumiex proporzjonati meta wieħed iqis l-element uman.  Naħseb li dan kien każ fejn seta’ kien rakkomandazzjoni biex tinħareġ ‘infringement notice’ u dan biex dan l-istess ħaddiem jirregolarizza ruħu fuq in-nuqqasijiet li kien hemm. 

Fil-Qorti l-argumenti kontra l-ħaddiem kienu ċari li hu inqabad jaħdem bla permess u għalhekk ikollu jiffaċċja l-konsegwenzi u dan anke għax fix-xogħol li kien qed jagħmel kellu ir-responsabbilità ta’ terzi f’każ ta’ inċident. 

Sunday, 14 January 2018

In-nies tad-delivery

Qabel il-Milied inzertajt ġo ristorant ta' fast food.  Daħlu żewġt irġiel bi trolley mimli borom kbar tal-mayonnaise.  Bdew jippruvaw jgħaddu minn qalb l-imwejjed ġor-ristorant u n-nies li donnhom ma bdewx jagħtu kas il-fatt li dawn it-tnejn riedu jgħaddu.  Wieħed minnhom, donnu naqra żbukkat aktar mill-ieħor, beda jressaq is-siġġijiet u jwarrab in-nies biex jgħaddu.  Ħarist barra u rajt li kellhom vann kbir ipparkjat quddiem il-ħanut.
Ħarġu bit-trolley u din id-darba donnhom tgħallmu u bdew jidħlu jġorru l-affarijiet huma mingħajr it-trolley.  Daħlu laned tal-kunserva u affarijiet oħra tal-ikel.  L-irġiel daħlu u ħarġu xi erba' darbiet biex niżżlu dik li jien assumejt kienet l-ordni kollha tal-ħanut.
Ma stajtx nimmaġina kif kienu ser idaħħlu dan l-ikel kollu jekk il-vann ikun ipparkjat x'imkien 'il bogħod.  Ħafna minna li jsuqu, forsi bir-raġun, ingorru li l-vannijiet tad-delivery ikunu pparkjati b'mod li jgerfxu s-sewqan.  Minn dak li rajt f'din il-ġurnata, huwa kważi impossibbli li s-sewwieqa li jagħmlu delivery jipparkjaw kif suppost ximkien bogħod....qed nippretendu naqra żżejjed minnhom.

Monday, 28 January 2008

Sunday, 27 January 2008

Theddid lil Joe Said

Jien mingħalija li fl-2008 f'Malta Ewropea konna qed ngħixu fi stat ta' demokrazija. Joe Said ikkritika b'mod, fl-opinjoni tiegħi, apert fejn kulħadd seta' jikkontesta dak li kien qed jgħid. Lil min akkuża seta' jiċħad probabbli anke fuq l-istess programmi li fihom Said akkuża. Said qal li waqqfuh xi nies u heddewh. Ma naħsibx li għandna għalfejn niddubitaw minn din id-dikjarazzjoni. Ma' naħsibx li s-Sur Said għandu bżonn xi glorja jew pubbliċita'. X'għamlu n-nazzjonalisti, barra l-allegata korruzzjoni li jsemmi Said, biex huwa jibbumbardjahom b'dan il-mod ma nafx. Jista' jkun hemm mottivi personali biss il-każi ta' allegata korruzzjoni sa issa għadha ma ġietx ikkontestata u l-aktar li hu rrabjat għax mid-dehra l-Prim Ministru ma riedx jiltaqa' miegħu. Din tat-theddid ma nafx x'kellhom x'jambuha n-nies li heddew lil Said. Jekk deherilhom li qed jgħid il-ħmerijiet messhom kitbu, tkellmu, stqarrew u oħrajn biex juru li Said mhux korrett. Hekk titlob id-demokrazija u hekk jitlob pajjiż fl-Ewropa!!! Interessanti kieku nkunu nafu n-nies li marru jhedduh marrux min jeddhom jew kinux imqabbda? Jidher li Joe Said issa jrid ikun ippreparat għal aktar attakki speċjalment la jiġi żvelat il-każ ġdid ta' allegata korruzzjoni li tiegħu hawn min għandu rekordings. Issa jmiss inkunu nafu min hu, Sur Said!!!!