Sunday, 14 January 2018

In-nies tad-delivery

Qabel il-Milied inzertajt ġo ristorant ta' fast food.  Daħlu żewġt irġiel bi trolley mimli borom kbar tal-mayonnaise.  Bdew jippruvaw jgħaddu minn qalb l-imwejjed ġor-ristorant u n-nies li donnhom ma bdewx jagħtu kas il-fatt li dawn it-tnejn riedu jgħaddu.  Wieħed minnhom, donnu naqra żbukkat aktar mill-ieħor, beda jressaq is-siġġijiet u jwarrab in-nies biex jgħaddu.  Ħarist barra u rajt li kellhom vann kbir ipparkjat quddiem il-ħanut.
Ħarġu bit-trolley u din id-darba donnhom tgħallmu u bdew jidħlu jġorru l-affarijiet huma mingħajr it-trolley.  Daħlu laned tal-kunserva u affarijiet oħra tal-ikel.  L-irġiel daħlu u ħarġu xi erba' darbiet biex niżżlu dik li jien assumejt kienet l-ordni kollha tal-ħanut.
Ma stajtx nimmaġina kif kienu ser idaħħlu dan l-ikel kollu jekk il-vann ikun ipparkjat x'imkien 'il bogħod.  Ħafna minna li jsuqu, forsi bir-raġun, ingorru li l-vannijiet tad-delivery ikunu pparkjati b'mod li jgerfxu s-sewqan.  Minn dak li rajt f'din il-ġurnata, huwa kważi impossibbli li s-sewwieqa li jagħmlu delivery jipparkjaw kif suppost ximkien bogħod....qed nippretendu naqra żżejjed minnhom.

No comments: