Ġie biex jibni ħajja ġdida….sab impjieg biex jgħajjex lil familtu fl-Indja…
….spiċċa fid-detenzjoni minkejja visa valida għax ħadem bla permess
Minn Victor Vella
Rakesh (isem fittizju biex nipproteġu l-identità tiegħu) hu wieħed mill-ħaddiema barranin, eżattament mill-Indja li ġew f’pajjiżna biex jibnu ħajja ġdida. Bħal ħaddiema l-oħra sħabu, hu kellu l-għan li jaħdem f’pajjiżna biex jgħajjex lil familtu fl-Indja. Ma riedx inkwiet. Ried li jagħmel kollox skont il-liġi. Għamel l-applikazzjonijiet neċessarji u kienet ħarġet dik li tissejjaħ l-ittri ta’ approvazzjoni mill-Aġenzija Identità Malta. Għadda mill-iskrutinju kollu possibbli. L-applikazzjoni tiegħu intbagħtet lill-Pulizija u lill-Jobs Plus. Dawn approvaw li jiġi f’pajjiżna għax kien jissodisfa il-kriterji fosthom kondotta tajba u li xogħlu kien bżonnjuż f’pajjiżna. Inħarġitlu il-Visa. Fi kliemu stess, ġie Malta biex tama ta’ ħajja aġjar u biex jibni ħajja ġdida. Sab impjieg li kien jogħġbu u li permezz tiegħu seta’ jgħajjex lill-familja tiegħu. Ġara iżda li spiċċa fid-detenzjoni.
Dan seħħ għax minkejja li kellu l-approvazzjoni u l-visa, l-ittra ta’ approvazzjoni minn Identità Malta mhux ‘permess għax-xogħol’ u għalhekk ma’ tagħtix id-dritt awtomatiku għax-xogħol. Dan il-ħaddiem, inqabad jaħdem fil-qasam tat-trasport u meta twaqqaf fi spezzjoni instab li la kela dak li jissejjaħ ‘is-single permit’ u lanqas permess biex jaħdem fil-qasam tat-trasport.
Sorsi li tkellmu ma’ IT-TORĊA qalulna li nifhmu li f’dan il-każ għandna ħaddiem li għalkemm ġie b’mod legali f’pajjiżna wara ma kompliex il-proċess. Sostnew li mhux sigriet li jista’ jkun li hawn ħaddiema oħra li jinsabu fl-istess pożizzjoni. Fi kliemhom stess, dawn huma ħaddiema li jkollhom ċertu għaġġla bien jibdew jaħdmu. “Mhux dejjem kapaċi jifhmu ċertu ittri li jingħataw. Naħseb li min iħaddimhom għandu jkollu responsabbilità li jara li għandhom il-permessi kollha neċessarji inkluż dawk tax-xogħol. Il-ħaddiem naqas, imma naħseb li min iħaddem għandu jara li ħaddiema bħal dawn li jispiċċaw ma jaqrawx sew id-dokumenti u jaqbdu u jibdew jaħdmu jiġu infurmati biex jagħmlu dak rikjest u jakkwistaw ‘is-single permit’ u permessi oħra relatati. Hemm l-aspett uman. Dan kien ħaddiem li qed jaqla lira għal familtu u spiċċa fid-detenzjoni u ovvjament imbagħad imkeċċi minn Malta”.
Fil-każ ta’ dan l-ħaddiem wara li l-Aġenzija Identity Malta għamlet id-diliġenza dovuta tagħha inħarġet l-ittra ta’ approvazzjoni u biha l-ħaddiema seta’ jiġi lejn Malta. Meta ġie Malta, il-ħaddiem ġabar id-dokumentazzjoni kollha meħtieġa sabiex jipproċedi għat-tieni parti tal-applikazzjoni tiegħu, liema applikazzjoni ppreżentaha u dan biex finalment jinħariġlu l- permess li huwa applika għalih. Ġara iżda meta l-visa kienet għadha valida, iżda peress li hu inqabad jaħdem bla permess, inħarġet deċiJoni ta’ ritorn lura lejn pajjiżu b’deċiżjoni li ma jistax jidħol lura Malta qabel tlett snin.”
Il-każ uman ta’ dan il-ħaddiem spiċċa miġġieled fil-Qrati bl-akkużi jkunu li ħadem bla permess, ma kellux permessi relatati ma’ trasport u li ma kellux biex jgħajjex lilu nnifsu u li ma kellux indirizz fiss fejn jgħix.
Il-ħaddiem kien anke fetaħ proċeduri legali biex tiġi revocata id-deċiżjoni ta’ ritorn u l-ordni ta’ tkeċċija. Hu talab dan biex hu jkun jista’ jagħmel applikazzjoni ġdida għall-permess ta’ residenza ġewwa Malta.
Sorsi legali li tkellmu ma’ IT-TORĊA qalulna li “dan kien każ fejn l-element uman kien missu ingħata aktar piż. Kellna ħaddiem li kien beda jaħdem ma’ kumpanijia stabbilità. Ma kienx hemm problema b’xogħlu. Naħseb li d-deċiżjonijiet li ttieħdu fir-rigward ta’ dan l-ħaddiem mhumiex proporzjonati meta wieħed iqis l-element uman. Naħseb li dan kien każ fejn seta’ kien rakkomandazzjoni biex tinħareġ ‘infringement notice’ u dan biex dan l-istess ħaddiem jirregolarizza ruħu fuq in-nuqqasijiet li kien hemm.
Fil-Qorti l-argumenti kontra l-ħaddiem kienu ċari li hu inqabad jaħdem bla permess u għalhekk ikollu jiffaċċja l-konsegwenzi u dan anke għax fix-xogħol li kien qed jagħmel kellu ir-responsabbilità ta’ terzi f’każ ta’ inċident.
No comments:
Post a Comment