Avventura f’vaganza f’Malta ħallietu paralizzat…..
…żloga għonqu, kiser ir-raba’ rukkell, inqatgħu n-nervituri li jgħaddu mill-moħħ”
…..jingħata kumpens ta’ €720,191. Tnaqqaslu b’€200,000 mid-deċiżjoni tal-Ewwel Qorti
Minn Victor Vella
Avventura fuq il-baħar imsejħa ‘Crazy Sofa’ li tikkonsisti b’saqqu li jinġarr wara dgħajsa li tinsab b’ċertu veloċità, liema attività hawn turisti li jiġġennu għaliha għax hi okkażjoni fejn wieħed jieħu pjaċir mal-ħbieb jew mal-familja, u li ħafna drabi ftit li xejn jgħaddilhom minn rashom dwar ir-riskji marbutin ma’ dawn ir-rikbiet, wasslet biex turist li ħa din l-avventura spiċċa paralizzat u spiċċa m’għandu l-ebda kapaċità li jiżvolġi xi attività ekonomika. Jidher li waqt li s-saqqu kien qed jinġibed f’baħar kalm, ġiet mewġa kawżata minn terzi, bil-konsegwnenza lit-turist inqata’ madwar pied minn fuq is-saqqu u waqa’ fil-baħar. Irriżulta li mal-waqa’ it-turist żloga għonqu, kiser ir-raba’ rukkell li nqala’ mill- ħames wieħed u mad-daqqa nqatgħu n-nervituri li jgħaddu mill-moħħ għall-bqija tal-ġisem bejn dawn ir-rukkelli. Għalkemm oriġinarjament, ingħata kumpens ta’ €924,751, il-Qorti tal-Appell, bidlet dan u tatu kumpens ta’ €720,000, jiġifieri €200,000 inqas.
Kien fit-23 ta’ Lulju tas-sena 2009, Christine Hannah Burns, f’isem żewġha John Burns fissret kif fil-25 ta’ Lulju tas-sena 2007, waqt li żewġha kien riekeb fuq saqqu tal-baħar (magħruf bħala Crazy Sofa) li kien qiegħed jinġibed minn speedboat, f’San Ġiljan, ittajjar minn fuq il-Crazy Sofa u ġarrab danni ta’ natura permanenti.
Il-mara qalet li b’riżultat ta’ dan l-inċident John Burns spiċċa “tetraplegic” jiġifieri paralizzat u m’għandu l-ebda kapaċità li jiżvolġi xi attività ekonomika.
Dak li ġara joħroġ ċar mix-xhieda illi Albert Camenzuli, fejn hu ddikjara li “niftakar li kienet ġiet mewġa kbira ta’ dgħajsa għalkemm ma kinitx esaġerata. Id-dgħajsa li konna fiha aħna telgħat u niżlet mal-mewġa. Niftakar peress li jien kont qed inħares lejn il-klijent bħala osservatur, għola madwar tletin ċentimetru, waqa’ bilqiegħda fuq id-dgħajsa b'għonqu lura, waqa’ fuq il-crazy sofa fejn kien bilqiegħda, irrombla minn fuqha u ġie ġo l-ilma.”
Jirriżulta ċar, għalhekk, illi l-‘Crazy Squab’ illi fiha kienu John u Martin Burns beżqithom ’il fuq aktar minn pied mhux riżultat ta’ xi każ fortwitu li fuqu ix-xufieri, li kien qed isuq id-dgħajsa, ma kellu ebda kontroll, iżda riżultat tal-fatt illi huwa attwalment baqa’ jsuq id-dgħajsa ġewwa tali mewġa kbira kkawżata minn terzi, u bir-riżultat kaxkar s-sufan li fuqu kien hemm John u Martin Burns warajh u dawna li spiċċaw inqabdu fil- mewġa kbira li kien hemm u ttajru ’l fuq riżultat tal-moviment qawwi illi għamlet l-Crazy Squad mal-impatt mal-mewġa l-kbira.
Is-sewwieq kien għadu student ta’ sittax-il sena…
..dam xahrejn jitgħallem …”ma jistax jingħad li x-xufier kellu l-esperjenza!”
Intqal li mill-provi rriżulta li s-sewwieq kien għadu student ta’ dsatax-il sena, meta seħħ l-inċident li kien imur jaħdem mal-kumpanija fis-sajf. Hu kien beda jsuq id-dgħajjes ta’ bejn 55 u 90 horsepower fl-2006, meta għamel xahrejn jitgħallem sakemm beda jsuq waħdu. Jidher li kien isuq l-istess dgħajjes hekk kif reġa’ beda jaħdem fis- sajf tas-sena 2007. Intqal f’xhieda li x-xufier ma kienx isuq id-dgħajjes fis-sena 2006, iżda beda jsuqhom fis-sena 2007! Dan ifisser li hu kellu esperjenza ta’ bejn xahrejn u ħames xhur l-aktar isuq id-dgħajjes, li fil-fehma ta’ din il-Qorti, f’kull każ ma jistax jingħad li x-xufier kellu l-esperjenza!
Dwar il-veloċità fl-użu tad-dgħajsa, f’dikjarazzjoni li saret intqal li ma kinitx qiegħda tintuża veloċità ta’ aktar minn ħmistax-il mil fis-siegħa u minkejja li l-klijent għamel sinjal sabiex tiżdied il-veloċità, din inżammet l-istess. F’xhieda intqal li dakinhar tal-inċident ir-riħ kien madwar forza 4 u li l-baħar ma kienx imqalleb u peress li kienu għadhom madwar mitt metru mill-ponta tad-Dragonara, huwa ċert li kien għaddej b’inqas minn 20 knot (ekwivalenti għal 23 mil fis-siegħa) u li meta kienu joħorġu ’l barra (madwar tliet mitt metru) mill-bajja, sabiex jibdew ir-rikba, ma kinux jaqbżu l-25 knot.
“Il-crazy sofa spiċċa f’impatt dirett mal-mewġa
li għollietu bil-ħasda minn quddiem”
Intqal li minn dan kollu, din il-Qorti tasal għall-konklużjoni, fis-sens li dan ma kien każ fortwitu xejn. In-nuqqas ta’ riħ qawwi u l-fatt li l-baħar ma kienx imqalleb iżda mċafċaf, juru li x’aktarx kien proprju n-nuqqas ta’ esperjenza tax-xufier ta’ kif isuq id-dgħajsa meta jkun hemm il-preżenza ta’ mewġ ikkaġunat minn dgħajjes oħra, sabiex ikollu l-inqas impatt possibbli fuq id-dgħajsa u aktar minn hekk, il-ħsieb dwar l-effett li dan l-istess mewġ jista’ jkollu fuq il-crazy sofa li kien qiegħed jinġibed warajh, li wassal għall-inċident. Tassew in-nuqqas ta’ riħ qawwi, ix-xhieda li raw l-apparat jogħla ’l fuq u l-angolu tiegħu ma’ wiċċ il-baħar, jagħti lil wieħed x’jifhem li dan il-crazy sofa spiċċa f’impatt dirett mal-mewġa li għollietu bil-ħasda minn quddiem, bil-konsegwenzi kollha li dan ġab miegħu.
Il-Qorti qalet li minkejja l-fatt li fiż-żmien li seħħ l-inċident, ma kienx meħtieġ li persuna li ssuq dgħajsa tat-tip bħal dik li kienet involuta fl-inċident li jkollha liċenzja, dan il-fatt fih innifsu ma jistax jitqies li b’xi mod jeħles lill-konvenut minn kull responsabbiltà peress li jibqa’ japplika l-obbligu tas-sewwieq tad-dgħajsa li jeżerċita l-prudenza u d-diliġenza meħtieġa minn missier tajjeb tal-familja meta kien qiegħed jimmanuvra d-dgħajsa.
Il-Qorti tal-Appell qalet li tqis ta’ importanza ix-xhieda tal-konsulent mediku, l-Professur Fredrick Zammit Maempel Lli meta mistoqsi jekk il-veloċità li biha kienet miexja d-dgħajsa fil-baħar għandhiex impatt qal li “iva tagħmel differenza.... L-inċident in diżamina hu wieħed rari, l-angolu li bih waqa’ s-sinistrat kien determinant għar-riżultat riskontrat u iktar ma kien miexi b’veloċità wieħed inqas ikollu kontroll tas-sitwazzjoni.» B’din il-waqa’ it-turist żloga għonqu, kiser ir-raba’ rukkell li nqala’ mill- ħames wieħed u mad-daqqa nqatgħu n-nervituri li jgħaddu mill-moħħ għall-bqija tal-ġisem bejn dawn ir-rukkelli. Hu spiċċa tetrapleġiku (ksur fis-sinsla tad-dahar u ħsara fin-nervituri li wassal għall-paralizi, peress li ma jistax iċaqlaq saqajh u idejh. Kunsidrat il-grad tad-diżabilità mġarrba mill-attur, stmata mill-esperti mediċi fil-perċentwal l-aktar għoli ta’ 100 fil-mija, ikompli jixħet dubju fuq il-veloċità.
Intqal li l-fatt li t-turist u ibnu ngħataw il-ġgieget ta’ salvataġġ kien dmir u dan il-fatt fih innifsu, ma jeħlishomx mir-responsabbiltajiet l-oħra li jimxu bl-għaqal ta’ missier tajjeb tal-familja. L-ebda tagħmir jew ilbies protettiv li jingħata ma jeżonera jew jagħti xi carte blanche lil dak li jkun sabiex ikun traskurat, imprudenti u jew ma jħarisx il-liġi.
Tqanqal il-punt li x-xufier kien biss impjegat tal-kumpanija u li għalhekk skontu fl-aħħar mill-aħħar kellha ġġorr ir-responsabbiltà għall- inċident il-kumpanija. Jinsisti li huwa kien qiegħed jaqdi d-doveri tiegħu bħala impjegat waqt il-ħin tax-xogħol u ma kien hemm xejn li fl-imġiba tiegħu li tista’ tixħet ħtija għall-inċident.
Intqal li fil-fehma ta’ din il-Qorti, kien hemm numru ta’ nuqqasijiet tal-kumpanija marbuta ma’ dak li ġara dakinhar tal-inċident taħt eżami. Hekk insibu li, ma kien hemm l-ebda persuna responsabbli għall-kumpanija sabiex tissorvelja dawk l-attivitajiet sportivi li kienet tħalli f’idejn l-impjegati tagħha. Kien ikun aħjar għall-kumpanija li mhux biss tagħmel ċert li l-impjegati tagħha jingħataw it-taħriġ kollu meħtieġ dwar l-użu tal-bċejjeċ tal-baħar li għandha inkluż il-miżuri ta’ sigurtà meħtieġa sabiex jiġu evitati l-inċidenti, fosthom il-veloċità massima li setgħet tintuża f’dawn it-tip ta’ rikbiet. Dan minbarra li jkollha nies apposta li jagħmlu s-sorveljanza meħtieġa, sabiex jassiguraw li qiegħda tiġi mħarsa wkoll il-veloċità ndikata. B’hekk jista’ jkun assigurat li jkunu qegħdin jiġu mwettqa l-miżuri tas-sigurtà, miżuri li minħabba familjarità max-xogħol, il-ħaddiema jistgħu jittraskuraw ċertu riskji li jkun hemm marbuta mal-attivitajiet imwettqa minnhom. Ikun utli wkoll, li l-klijenti jingħataw l-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex jieħdu deċiżjoni li tkun infurmata dwar ir-riskji marbuta mal-użu tal-apparat tagħha.
Intqal li “din il-Qorti ma taqbilx lanqas mal-argument li ladarba x-xufier kien impjegat, kellha tassorbi kull responsabbiltà l- kumpanija. Kif ingħad qabel, din il-Qorti sabet numru ta’ nuqqasijiet fl-imġiba li għalihom jeħtieġ li jwieġeb hu. Wara kollox, hekk kif sid jew min iħaddem ma jistax jeħles mir-responsabbiltà billi jsostni li huwa qabbad persuna biex tieħu ħsieb ix-xogħol, ladarba d-danneġġat isofri l-ħsara, isegwi li dik il-persuna ma kenitx kompetenti f’xogħolha u l-konsegwenza ta’ din l-inkompetenza għandhom ibatu kemm is-sid jew il-kumpanija li tħaddem lil dak l-impjegat, kif ukoll l-impjegat innifsu b’mod solidali u wieħed ma jistax jitfa’ l-ħtija fuq l-ieħor.
Il-Qorti qalet li ingħata x’jifhem li l-isem tar-rikba “Crazy sofa” hija indikattiva tar-riskji marbuta magħha. Iżda din il-Qorti ma taqbilx. Għandhom raġun il-miżżewġin Burns meta jixhdu li l-isem huwa wieħed intiż sabiex jattira lill-klijenti sabiex jidħlu għal din l-avventura fuq il-baħar u b’daqshekk mhix indikattiva tar-riskji marbuta magħha. F’għajnejn it-turist b’dehen normali wieħed jara l-okkażjoni li jieħu pjaċir mal-ħbieb jew mal-familja waqt li jkun qiegħed jagħmel attività fuq il-baħar u qajla jgħaddilu minn rasu r-riskju li hemm marbut ma’ dawn ir-rikbiet, kif imwissi fil-manwal.
Il-Qorti ikkundanna lix-xufier tad-dgħajsa iħallas ammont ta’ €720,191, bħala danni bl-imgħax jibda għaddej mid-data tas-sentenza tal-Ewwel Qorti sad-data tal-ħlas effettiv.
No comments:
Post a Comment