Friday, 22 November 2024






Kollox jindika li s-sena 2024 se tkun l-aktar sena sħuna…

…bidla fil-klima li qed taffettwa l-produzzjoni tal-frott

Minn Victor Vella

Ritratti Roger Azzopardi


Fejn hi dik il-ħdura tal-Fiddien? Fejn huma dawk il-kuluri spettakolari li kapaċi tagħti l-kampanja Maltija?  Il-kuntrasti bejn il-ħdura u r-raġġi tax-xemx fuq l-għelieqi imtarġa, is-sisien bis-siġar fit-truf, li tant konna nfittxu bħal dań iż-żmien, sparixxew. Sa ftit tal-jiem ilu, iż-żona tal-Fiddien u magħha ħafna nħawi oħra fil-gżejjer Maltin kienu għerja minn dik il-libsa ħadra.  Mixja fl-għelieqi tara id-demnuq niexef qoxqox għax ilma minnu kien ilu ma jgħaddi xhur sħaħ. Tara l-għelieqi kulur kannella. Ħamrija. Għax xita kienet ilha ma tagħmel. Fejn hu dak iż-żmien bħal dan iż-żmien kont timxi filgħodu kmieni qalb in-nida bl-għelieqi kollha ħaxix u meta tħares fit-tul hekk kif tibda tiela x-xemx tara ż-żona tinbidel għal lewn il-fidda - l-effett tal-qtar tan-nida fuq il-pjanti. U tħares lejn is-siġar tarahom agunija. Jistennew l-ilma bil-ħniena. Weraq mgħawwġin sinjal tal-għatx li għandhom. Dan hu dak li għadda minn moħħi ftit tal-jiem ilu f’mixja filgħodu kmieni.  Jibdew għaddejjin ħafna ħsibijiet. Il-bidla fil-klima. Il-perjodi twal li qiegħed ikollna bla xita. It-temperaturi li jibqgħu għoljin.  In-nuqqas ta’ xita. U quddiem dan kollu, kif qed tkun affettwata l-biedja lokali?

Mistoqsija li l-bdiewa jagħtuk spjegazzjoni għaliha mill-ewwel. Nies tal-mistier li dak li qed jiġri fit-temp u l-effett tiegħu fui il-kampanja u fuq l-għelieqi iħossuh u jesperjenzawh.  Il-bdiewa meta titkellem magħhom jgħidulek mill-ewwel li qegħdin jaraw bidla. Ikun hemm min jistaqsi x’inhu jiġri. Jirrimarkawlek li xita qiegħed ikollna ftit. Isemmulek kif siġar tal-frott qegħdin ibatu ħafna minħabba din in-nixfa. Jgħidulek li siġar li minhom kont tieħu frott bl-abbundanza issa qegħdin inaqqsu. Jilmentaw li mhux biss qegħdin inaqqsu mill-frott imma dak il-ftit li jagħmlu jispiċċaw ma jduqux minħabba mard u insetti.

Ġanmari, bidwi tal-mistier qalilna li “qegħdin naraw is-siġar inaqqsu mill-frott. Din kulħadd qiegħed iħossha. Ħafna jaħsbu li dan iseħħ minħabba nuqqas ta’ xita. Mhux il-każ. Dan qiegħed jiġri għax xitwa mhux ikollna. Fis-sens li t-temperaturi qegħdin jibqgħu għoljin u allura is-siġar mă jorqdux.  Dan jaffettwa l-produzzjoni tal-frott.”

Jgħidilna “kien hawn bdiewa li għandhom ħbula bil-ħawħ. Xejn ma żamm. Bilkemm daquh il-ħawħ. Seħħ dan għax it-termparaturi baqgħu għoljin bejn Diċembru u Frar.”

“Jekk tħares madwarek hawn tara nixfa. Qegħdin Novembru. Issa xita għamlet, imma ara kemm ilna nistennewha. Niftakar żmien ta’ maltempati kbar f’Settembru u l-bidu ta’ Ottubru. Rari niftakar tiġi bħal dan iż-żmien u tara l-għelieqi f’dan l-istat qishom kif ikunu fl-aqwa tas-sajf. Hemm min jgħid li Malta bil-mod il-mod qed issir deżert. Ma naqbilx għal kollox. Wieħed imma irid jammetti li x-xejriet tat-temp qegħdin jinbidlu”. 


Is-sena 2024…..se tkun rekord 

f’dawk li huma temperaturi għoljin

Intant xjenzati mill-Copernicus Climate Change Service, proprju fl-aħħar jiem ħabbru li s-sena 2024 aktarx li se tkun bir-rekord ta’ l-aktar sena sħuna. Ix-xjenzati qalu li mill-proġettazzjonijiet li qegħdin jagħmlu kollox qiegħed jindika li t-temperatura annwali għas-sena 2024 se tkun 1.5 grad celsius aktar minn kemm kien qabel ir-rivoluzzjoni industrijali. 

Dan it-tbassir inħareġ proprju ftit jiem qabel għadd  kbir ta’ diplomatiċi jiltaqgħu għas-summit tal-COP29. 

Id-Deputat Direttur tal-Copernicus Climate Change Service, Dr Samantha Burgess, qalet li “qegħdin nistennew rekords ġodda f’dawk li huma temperaturi globali. Dan għandu jservi biex jogħlew l-ambizjonijiet fil-konferenza dwar il-bidla fil-klima”. 

Ix-xjenzati sabu li t-temperturi globali għat-12-il xahar li għaddew  kellhom temperaturi ta’ 1.62 grad  aktar mill-medja bejn l-1850 u l-1900 meta l-bniedem beda jaħraq volumi qawwija ta’ faħam, żejt u gass.

Fil-bullettin tagħhom dwar il-klima, liema bulletti joħorġuh kull xahar, ix-xjentisti ta’ Copernicus qalu li Ottubru tas-sena 2024 kien it-tieni l-aktar Ottubru sħun, wara Ottubru tas-sena 2023, b’temperaturi 1.65C akbar mil-livelli pre industrijali. 

Wieħed ma jistax ma jirrimarkax fuq id-dikjarazzjonijiet li sar minn mexxejja dinjin fl-aħħar snin, fejn dawn kienu wegħdu li jwaqqfu l-pjaneta milli tkompli tisħon u dan billi jaraw li jwaqqfu l-pjaneta milli jkollha temperaturi li jogħlew b’1.5 grad aktar mil-livelli pre industriali. Ix-xjentisti issa qegħdin jgħidu li mhux talli din il-mira mhux se tintlaħaq, talli hu previst li sal-aħħar tas-seklu id-dinja tkun saħnet bejn wieħed u ieħor id-doppju.

Ix-xjentisti jgħidu li sena waħda 'l fuq mil-limitu ma tfissirx li ntilfet il-mira, peress li ż-żieda fit-temperatura titkejjel fuq għexieren ta' snin aktar milli ftit snin, iżda wissew li l-bidla fil-klima se jġiegħel aktar nies u ekosistemi jersqu fix-xifer tas-sopravivenza.

Intant fl-aħħar jiem tlaqqa’ il-COP29, l-akbar summit ambjentali fid-dinja. Dan jittella’ ta’ kull sena jittella’ min-Nazzjonijiet Magħquda bil-għan illi jiġu diskussi miżuri sabiex jiġi mmitigat l-impatt tat-tibdil fil-klima. 

Dan is-summit, li sar f’Baku l-Azerbajġan. Il-messaġġ ta’ Malta f’dan is-summit kien li l-prijoritajiet ta’ Malta huma simili għal dawk li għandhom gżejjer stati oħra, jiġifieri l-isfida tal-ilma tal-baħar li jista’ jogħla jekk it-temperaturi jkomplu jiżdiedu.

Il-COP29 għandu żewġ għanijiet speċifiċi, l-ewwel waħda li jkun hemm il-finanzjament meħtieġ biex tittieħed azzjoni madwar id-dinja kollha, meta nitkellmu dwar finanzjament meħtieġ nitkellmu dwar dawk il-pajjiżi l-aktar sinjuri lejn dawk il-pajjiżi li huma l-aktar vulnerabbli biex ikunu qed jagħmlu miżuri ta’ mitigazzjoni u addattament, it-tieni mira  hi li jkun hemm azzjoni tanġibbli biex it-temperaturi globali ma jiżdiedux aktar minn 1.5 gradi Celsius.




 

No comments: